Wiċċ imb'wiċċ ma' Mario Azzopardi u Victor FenechGħal darb'oħra d-Dipartiment tal-Malti, fl-Iskola Sekondarja San Andrea, organizza laqgħat ma' kittieba Maltin għall-istudenti tal-aħħar sentejn tas-sekondarja. Dawn il-laqgħat servew biex l-istudenti jkollhom l-opportunita' jiltaqgħu wiċċ imb'wiċċ ma' xi kittieba li l-kitbiet tagħhom jinsabu fis-sillabu tal-MATSEC. Għal din is-sena, l-iskola, bi pjaċir kbir, laqgħet lis-sur Mario Azzopardi u lis-sur Victor Fenech. Dawn il-laqgħat ma kinux xi ħaġa ġdida għall-iskola. Fil-fatt, matul is-snin, id-Dipartiment tal-Malti, stieden diversi kittieba fosthom, Oliver Friggieri, J.J. Camilleri, Gorg Borg, Frans Sammut u Charles Flores. Dawn il-laqgħat kienu ta' għajnuna kbira biex l-istudenti jifhmu aktar ix-xogħlijiet letterarji marbuta mal-MATSEC, kif ukoll biex isiru jafu aktar lil dawn il-kittieba mil-lat personali. Fil-fatt, il-laqgħat kienu kkaratterizzati minn mistoqsijiet u diskussjonijiet relatati max-xogħlijiet ta' dawn il-kittieba fosthom Iż-Żabra, Tradiment, Demgħat tas-Silġ u Lullaby. Min-naħa tagħhom, il-kittieba, apprezzaw l-interess li wrew l-istudenti fil-letteratura Maltija. Minn dawn il-paġni nixtieq nirringrazzja lill-kittieba talli aċċettaw l-istedina li għamlitilhom l-iskola. Barra minn hekk, nixtieq inrodd ħajr lis-sur Clinton Xuereb, li huwa l-Grade Tutor tal-istudenti tal-Grade 12 (Form 5) kif ukoll għalliem tal-Malti bħali, u lis-sur Paul P.Borg li kien il-moħħ wara l-kuntatti li saru mal-kittieba. Fl-aħħarnett, nixtieq nirringrazzja lill-Kap ta' l-iskola, is-sinjura Claire Felice Pace, u l-Assistant Kap tal-iskola, is-sur Stephen Briffa, li dejjem ikunu fuq quddiem nett biex jgħinu lill-għalliema jorganizzaw attivitajiet li jagħtu opportunita' lill-istudenti tal-iskola jwessgħu t-tagħrif tagħhom. Mr. Mauro Camilleri Koordinatur tad-Dipartiment tl-Malti  Is-sinjuri Clinton Xuereb, Victor Fenech u Mauro Camilleri
Is-sur Mario Azzopardi mal-istudenti tal-Grade 12
|